Coming Soon...

Wednesday, September 8



L-ANTIPODI

Rumanz ġdid ta’ Alex Vella Gera

L-Antipodi huwa rumanz li jaqbeż minn Praga għal New York għal Malta, fi żminijiet differenti u b’karattri li qajla tinsiehom malajr. Uħud minnhom huma Maltin li joħolmu b’barra, u meta jsibu ruħhom barra, jispiċċaw jibku art twelidhom (jew għax iħossu n-nuqqas tagħha, jew inkella għax jindunaw kemm għadha lura). Iżda “barra” ma tfissirx biss idea ġeografika, għax art twelidhom mhijiex biss dik il-“blata” f’nofs il-Mediterran jew l-ambjent u l-kultura tal-Maltin. Hija wkoll xi ħaġa ġewwiena, parti minna daqs ix-xagħar, l-għajnejn, il-qalb tħabbat. Hija dik li tagħmilna Maltin. Bl-Ingliż nistgħu nsejħulha Malteseness.

Fil-qofol tar-rumanz hemm il-ħarba minn din il-Malteseness, l-iżjed permezz ta’ trasgressjoni fil-ħsieb u fl-għemil li tieħu bosta forom, fosthom, m’hemmx għalfejn ngħidu, imġiba soċjali u sesswali ħielsa minn kull irbit ma’ moralità stretta. Il-moralità hija waħda mit-temi ewlenin tar-rumanz, għax l-awtur jemmen li f’Malta il-konvenzjonijiet dojoq tal-moralità Kattolika mhumiex biss kwistjoni ta’ reliġjon jew ta’ għażla personali, iżda rabta tabilħaqq intrinsika mal-kuxjenza kollettiva tan-nazzjon u mas-sens popolari ta’ x’jagħmlilna Maltin. Malti Musulman, ngħidu aħna, ma jitqiesx Malti daqs l-oħrajn. Dan il-fenomenu ftit li xejn jissemma b’mod espliċitu fil-pubbliku, iżda ma jfissirx li mhuwiex reali, anzi, huwa sentiment tassew qawwi li jirregola u jżomm lil kulħadd f’postu.

Fil-letteratura Maltija, l-idea li pajjiżna huwa ċkejken wisq u li għalhekk jenħtieġ naħarbu minnu mhijiex xi ħaġa ġdida. Anzi, huwa suġġett li nebbaħ uħud mill-aqwa rumanzi tagħna. Għaldaqstant b’L-Antipodi Vella Gera mhux biss jipprova jaġġorna din it-tema għal żminijietna, iżda jistieden ukoll lill-qarrej biex permezz tal-avventuri tal-protagonisti tar-rumanz jiddeċiedi waħdu jekk din il-ħarba ssarrafx f’xi ħaġa konkreta u ta’ sugu jew jekk hix biss illużjoni.

L-awtur iħeġġek tistaqsi: fis-sew, kemm huwa possibbli li Malti ta’ veru jittrasforma ruħu, ġaladarba jkun trabba fis-serra Maltija u bil-gażaża f’ħalqu? Kemm jista’ jaħrab għalkollox minn dik il-Malteseness, u għala din il-Malteseness titqies minn xi Maltin bħala xi marda jew infezzjoni li qabelxejn jeħtieġu jippurgawha ħalli jħossuhom tabilħaqq bnedmin sħaħ u integri?

Fl-aħħarnett, ir-raġel b’għajn u sieq waħda, kif jidħol fl-istorja?

L-Antipodi jinsab għall-bejgħ fil-ħwienet tal-kotba għall-prezz ta’ EUR 10.

L-ewwel kapitlu tal-ktieb jinsab hawn: http://www.keepandshare.com/doc/view.php?id=2082841&da=y

Monday, November 16

Kurżita ... hawn xi ħadd qed jaqra dal-messaġġ?

Tuesday, July 24

Kuntent u Sodisfatt

Tal-Frak ... ħallejtna xbin. Darba biss kellimtek, u konna ħara t-tnejn li aħna. Introduċiena Mario u ħadna b'idejn xulxin. Il-mużika kienet qawwija u naħseb bil-kemm smajna 'l xulxin. Għidtlek: "Prosit man, tikteb tajjeb ħafna." U aktarx spjegajtlek ghalfejn. U inti ġejt titnejjek. Mingħalija. Bl-istess indifferenza li tinħass f'kull bloggata li qrajt minn tiegħek.

Insellimlek xbin. Min jaf fejn inti bħalissa ... Sirt nemmen li l-mewt mhux it-tmiem, iżda l-bidu ta' ħolma ġdida. Tista' tikkonfermali? Ma kontx nafek qabel u mhux se nkun nafek wara. Iżda l-blogg tiegħek hemm se jibqa'. Tfajtlek kumment imma trid tawtorizzah l-ewwel. Min jaf meta ...

dot dot dot

Kien (u għadu) jogħġobni wisq l-istil oblikwu ta' kitbietek u l-infrekwenza li biha kont żżid xi bloggata. U kull darba ma kont tiżvela xejn, ħlief l-ispazji bejnek u ħajtek. Kienet tinħass dik l-indifferenza tiegħek lejn dak li kont qed tikteb.

Issa se nerġa' naqrah il-blogg tiegħek, mill-bidu sa l-aħħar. Minn Marzu 2005 sa Marzu 2007. U kif ġieli jiġri, diġa bdejt niskopri l-ironiji tal-ħajja li qed ngħixu. Għax bl-istess mod kif fi tmiem l-aħħar diska ta' l-aħħar album tal-Beatles John Lennon jistaqsi "Did we pass the audition?", inti temmejt l-aħħar bloggata tiegħek erba' xhur ilu bil-kliem "u kulhadd mar jorqghod kuntent u sodisfatt."

boqq

Monday, July 16

Ħbula stirati għalikom u għalija!



Monday, June 25

Photo Sharing and Video Hosting at Photobucket

Film qasir li għamilt dan l-aħħar, jismu Il-Qalziet tan-Nannu, se jkun fost il-ħafna films qosra li se jintwerew waqt dan il-festival, li fit-tielet sena tiegħu qed jikber ġmielu.

Prosit u grazzi lil Slavko għax-xogħol tiegħu. Kellu jkun raġel mill-Jugoslavja li qed jipprova jqajjem daqsxejn ta' xena ċinematografika f'pajjiżna.

Wednesday, June 6

Messaġġ subliminali: