Coming Soon...

Tuesday, July 24

Kuntent u Sodisfatt

Tal-Frak ... ħallejtna xbin. Darba biss kellimtek, u konna ħara t-tnejn li aħna. Introduċiena Mario u ħadna b'idejn xulxin. Il-mużika kienet qawwija u naħseb bil-kemm smajna 'l xulxin. Għidtlek: "Prosit man, tikteb tajjeb ħafna." U aktarx spjegajtlek ghalfejn. U inti ġejt titnejjek. Mingħalija. Bl-istess indifferenza li tinħass f'kull bloggata li qrajt minn tiegħek.

Insellimlek xbin. Min jaf fejn inti bħalissa ... Sirt nemmen li l-mewt mhux it-tmiem, iżda l-bidu ta' ħolma ġdida. Tista' tikkonfermali? Ma kontx nafek qabel u mhux se nkun nafek wara. Iżda l-blogg tiegħek hemm se jibqa'. Tfajtlek kumment imma trid tawtorizzah l-ewwel. Min jaf meta ...

dot dot dot

Kien (u għadu) jogħġobni wisq l-istil oblikwu ta' kitbietek u l-infrekwenza li biha kont żżid xi bloggata. U kull darba ma kont tiżvela xejn, ħlief l-ispazji bejnek u ħajtek. Kienet tinħass dik l-indifferenza tiegħek lejn dak li kont qed tikteb.

Issa se nerġa' naqrah il-blogg tiegħek, mill-bidu sa l-aħħar. Minn Marzu 2005 sa Marzu 2007. U kif ġieli jiġri, diġa bdejt niskopri l-ironiji tal-ħajja li qed ngħixu. Għax bl-istess mod kif fi tmiem l-aħħar diska ta' l-aħħar album tal-Beatles John Lennon jistaqsi "Did we pass the audition?", inti temmejt l-aħħar bloggata tiegħek erba' xhur ilu bil-kliem "u kulhadd mar jorqghod kuntent u sodisfatt."

boqq

0 Kummenti:

Post a Comment

<< Home